Għadni niftakar ċar daqs il-kristall meta twieldilna it-tifel iż-żgħir, Lakenreid. Meta għadda kollox, dort fuq ir-raġel u saqsejtu; “kollox sew, idejħ, saqajħ…m’hemmx diffikultajjiet hux?”
Dak il-ħin in-nurse semgħatni, daret fuqi u qaltli; “Sinjura, huma hu jikbru tkun taf verament hux kollox sew, mhux issa!”
Dak il-kliem baqa’ jidwi f’widnejja, speċjalment xi sentejn wara, meta t-tifel ġie djanjostikat li għandu l-awtiżmu. Bħala ġenituri, avolja nafu li Lakenreid għandu din il-kundizzjoni u naraw kemm is-soċjeta tħobb titfa l-persuni bl’awtiżmu f’baskett wieħed, aħna xorta waħda naraw lit-tifel tagħna bħala individwu bil-karatteristiċi uniċi tiegħu.
Nafu sew dak li jħobb u li ma’ jħobbx, x’jirrabjaħ u meta jkun irid il-karezzi. Meta jkun xi naqra ma jiflaħx jew muġugħ iħobb ifittex lil missieru li jħadnu miegħu sakem jorqod f’idejħ, u jiena, tgħidx kif inkun fil-ġenna ta’ l-art meta mmur għalih l-iskola. Kif jarani għajnejħ jixgħelu, jiġi jiġri għal fuqi u jafasli wiċċi bejn idejħ.
Dawn huma kollha karatteristiċi ta’ Lakenreid u mhux ta’ l-awtiżmu. Lakenreid li twieled fil-familja tagħna, ma ommu, missieru u ħutu. Kemm inweġġa meta n-nies jitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda! Fl-istess ħin, nafu li għandna xorta waħda esperjenzi u xewqat li huma simili ma dawk ta’ġenituri oħra li għandhom tfal fuq l-ispettru ta’ l-awtiżmu wkoll. Waħda mix-xewqat hi li nisimgħuh jitkellem. Tgħidx kemm ninkwetaw u nweġgħu meta jibda jibki għax muġugħ u ma jistax jgħidilna fejn jew x’tip ta’ uġigħ għandu.
Fil-vjaġġ tagħna bħala ġenituri ta’ Lakenreid, dejjem nipruvaw nagħmlu paċi mal-kundizzjoni tiegħu. Nipruvaw nżommu ħajja kemm it-tama li hu xi darba jitkellem, kif ukoll r-realta li dan mhux bil-fors isseħħ. Naħdmu bis-sħieħ ma’ l-organiżazzjoni Inspire fejn Lakenreid imur għat-terapija li għandu bżonn sabiex jgħinuh isaħħaħ l-abiltajjiet tiegħu, kif ukoll jindirizzaw l-aspetti fejn għandu bżonn l-għajnuna. Pero, qatt ma nitilqu minn quddiem għajnejna li Lakenreid huwa it-tifel tagħna, irrispettivament minn dak li jiġri, jitkellimx jew le.
Miegħu aħna sirna ġenituri għat-tielet darba, u għat-tielet darba qed nerġhu nitgħalmu mil-ġdid xi tfisser tkun ġenitur…il-ġenitur ta’ Lakenreid. “L-Inspire temmen li kulħadd għandu dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-missjoni tagħna hi li ngħinu lil kull min għandu diżabilità biex jikseb dan,” spjega s-CEO tal-Inspire –Antonello Gauci. “Aħna nagħmlu dan billi nipprovdu lill-individwi u l-familji tagħhom b’servizzi edukattivi, terapewtiċi u ta’ divertiment, iżda dan ma jistax ikun possibbli mingħajr kontribuzzjonijiet ġenerużi u xoħol volontarju.”