
Intervista mal-Kap Eżekuttiv ta’ L-Inspire- Antonello Gauci li deret fuq It-Torċa tal- Ħadd 1 ta’ Frar.
Kitba Claudio Coleiro
Il-Fondazzjoni Inspire, twaqqfet bis-saħħa ta’ żewġ NGOs – ir-Razzett tal-Ħbiberija u l-Eden Foundation – li t-tnejn li huma kienu jaħdmu għall-ġid ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan il-ġurnal tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Inspire Antonello Gauci dwar x’inhi l-viżjoni tal-Inspire, kif ukoll dwar l-attenzjoni li tingħata lill-persuni b’diżabilità.
Qabel xejn, kemm ilek taħdem mal-Fondazzjoni Inspire?
Ilni naħdem l-Inspire sitt snin, f’karigi diversi. Bdejt billi kont nieħu ħsieb is-Social Enterprise u l-operat tal-Fondazzjoni, u fil-preżent nokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv.
Telabora aktar dwar dan?
Ir-Razzett tal-Ħbiberija kienet organizzazzjoni li toffri terapiji varji, b’opportunita ta’ rikreazzjoni biex tfal b’diżabilità jiddevertu. Min-naħa l-oħra, l-Eden kienet toffri servizzi edukattivi u terapewtiċi. Iż-żewġ organizzazjonijiet kellhom l-istess għan li jaraw li nies b’diżabilta’ jiġu integrati iżjed faċilment fis-soċjetà u li jilħqu l-massimu tal-potenzjal tagħhom.
L-għaqda bejn iż-żewġ NGOs seħħet biex jingħata servizz mingħand l-ispeċjalisti taħt kappa waħda.
Għalkemm l-Inspire għandha tliet binjiet, f’Marsascala, f’Bulebel u Għawdex, għandek programm wieħed, għal kull klijent.
Il-fatt li ngħaqdu l-ispeċjalisti kollha biex jingħata servizz aħjar huwa ta’ benefiċċju għall-klijenti tagħna. Aħna dejjem infittxu li nagħtu l-aħjar servizz possibbli, tal-aqwa kwalità. Dan nagħmluh billi ngħinu lil tfal u nies b’diżabilita, kif ukoll lill-ġenituri u l-familji tagħhom. Noħorġu ukoll fil-komunità, fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol.
Xi ħaġa li qed issir iżjed minn qabel, hi li ħafna mis-servizzi jingħataw fid-djar u fl-iskejjel. Ta’ min isemmi li l-Inspire m’għandhiex residenti. Il-klijenti tagħna ma jgħixux f’Bulebel jew f’Marsascala, iżda jgħixu fil-komunità u jiġu fiċ-ċentri tagħna għall-għajnuna jew inkella mmorru aħna fi djarhom.
Ngħinuhom jiżviluppaw il-kwalitajiet meħtieġa biex kemm jista’ jkun jgħixu ħajja mill-aktar indipendenti u inklużi fis-soċjetà. Għalhekk il-Fondazzjoni tissejjaħ “Foundation for Inclusion” għaliex taħdem biex dak li jkun jibqa’ inkluż fil-komunità, fl-iskola, fil-villaġġ u fis-soċjetà inġenerali. Fil-fatt mhux biss nagħmlu xogħol ma’ persuni b’diżabilità imma mas-soċjetà sħiħa bil-għan li nedukaw iżjed nies dwar l-inklużjoni ta’ nies b’diżabilita.
Fl-aħħar mill-aħħar nixtieq insemmi l-kollaborazjoni effetiva li biha taħdem il-Fondazjoni Inspire. Naħdmu id f’id mal-awtoritajiet Governattivi kif ukoll organizzazzjonijiet bħall-Kummisjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilta’ (KNPD) u NGOs oħra.
L-Inspire għandha grupp ta’ esperti, fejn issir riċerka kontinwa biex dawn in-nies speċjalizzati jżommu ruħhom infurmati b’dak kollu li qed jiġri fil-qasam tad-diżabilità.
Noffru servizzi lil nies ta’ kull età, minn trabi u tfal sa adoloxxenti u adulti. Fil-każ tal-adulti jingħata taħriġ biex jibdew jitgħallmu jgħixu b’mod aktar indipendenti kif ukoll jadattaw ruħhom għal tipi ta’ xogħol differenti.
Xi tgħidli dwar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol?
Fil-qasam tax-xogħol qed nistennew titjib bil-leġiżlazzjoni li għaddiet fil-baġit għal din is-sena. L-Inspire diġà ġiet avviċinata minn kumpaniji li qed jippreparaw biex jimpjegaw iżjed nies b’diżabilità. Naturalment din hija qabża kbira għall-aħjar biex persuni b’diżabilità jiġu integrati fid-dinja tax-xogħol.
Apparti l-Inspire, li topera f’żewġ lokalitajiet f’Malta, insibu ċentri oħrajn fil-gżira Għawdxija?
Iva. Apparti Marsascala u Bulebel, hemm ukoll ċentru f’Għawdex u appartament f’Ħal Tarxien fejn persuni b’diżabilità jiġu mgħallma kif jgħixu b’mod aktar indipendenti.
Tingħata attenzjoni individwali?
Jeżistu diversi kundizzjonijiet ta’ diżabilità. Uħud jirrikjedu attenzjoni individwali u każijiet oħrajn jibbenefikaw iżjed minn terapiji u tagħlim fi gruppi. L-impjegati tagħna huma speċjalizzati biex jagħtu din it-tip ta’ terapija li naturalment taħdem skont il-bżonnijiet tal-individwu. Għandek programmi li jingħataw kemm f’Marsascala, f’Bulebel u f’Għawdex, skont il-bżonnijiet tal-individwu. Kull klijent jiġi osservat minn speċjalisti professjonali bil-għan li jifhmu x’jirrikjedi kull individwu u jinħoloq programm ta’ terapija. Il-programm jista’ jinbidel matul is-snin, skont kif jinbidlu l-bżonnijiet tal-individwu.
Mill-fondi miġbura fl-Istrina ta’ din is-sena, se jkunu qed jibbenefikaw diversi għaqdiet. L-Inspire se tibbenefika minn dawn il-fondi?
Qed nippjanaw li nagħmlu l-proposti tagħna lill-Malta Commuity Chest Fund skont il-proċess ta’ applikazjonijiet għall-fondi, u nisperaw li bħas-snin ta’ qabel dawn jintlaqgħu.
Għaliex taħseb li għaqdiet bħall-Inspire jeħtieġu dawn il-fondi?
Organizzazjonijiet bħall-Inspire jagħtu servizz bżonnjuż lis-soċjetà Maltija, u naturalment dan jinvolvi ħafna spejjeż li jridu jiġu rkuprati. Għandna ċertu programmi li huma ssusidjati minn kuntratti mal-Gvern. Hemm oħrajn fejn il-ġenituri jħallsu ammont zgħir biex jgħinu fl-ispejjeż u l-kumplament jiġi mill-ġbir ta’ fondi f’attivitajiet diversi li jsiru matul is-sena.
Tajjeb insemmi l-multi-sensory rooms, li jintużaw mingħajr ħlas minn nies b’diżabilità bl-għajnuna ta’ terapisti. Minn naħa l-oħra l-fitness centre huwa magħmul biex jakkomoda kemm persuni b’diżabilita kif ukoll persuni oħra. Hawnhekk ukoll nissusidjaw il-miżata tal-membri b’diżabilità.
Kelli x-xorti nara t-titjib li sar fiċ-ċentru ta’ Marsascala, anke fil-mod ta’ kif jingħataw terapiji lill-klijenti. Imma kemm taħseb li nbidel dan is-servizz f’dawn l-aħħar snin?
Aħna dejjem nagħmlu ħilitna biex nagħtu l-aħjar servizz lill-klijenti tagħna. Naturalment l-organizzazzjoni tħares lejn l-effiċjenza ta’ kif qed jingħata s-servizz biex eventwalment jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji. Inżommu ruħna aġġornati bl-aħħar riċerka u taħrig, f’kull qasam tad-diżabilità.
Naf ukoll li din il-Fondazzjoni tiddependi mhux ftit fuq il-volontarjat…
Il-volontarjat huwa importanti ħafna, mhux biss għall-Fondazzjoni iżda għall-pajjiż kollu. Għandna numru ta’ voluntiera li jgħinuna f’diversi attivitajiet u xogħlijiet. Id-dedikazzjoni, il-ħin u l-passjoni tagħhom huma xi ħaġa imprezzabbli għall-organizzazzjoni tagħna. Filwaqt li s-servizz irid jingħata minn nies speċjalizzati, il-voluntiera jgħinu f’attivitajiet diversi bħal dawk amministrattivi, ta’ rikreazzjoni u ġbir ta’ fondi. Minbarra hekk, nagħmlu użu mill-European Voluntary Services, skema li tinvolvi numru ta’ volontiera barranin li jiġu f’pajjiżna biex jagħtu s-servizz volontarju tagħhom magħna.
Matul is-sena, x’attivitajiet isiru biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Inspire?
Matul is-sena nilqgħu donazzjonijiet mingħand in-nies f’oġġetti jew ħwejjeġ użati biex dawn jinbiegħu fi ħwienet tal-karità tal-Inspire, li jinsabu ġewwa Marsascala, Birkirkara, Bulebel, il-Belt Valletta u r-Rabat Għawdex.
Norganiżżaw numru ta’ attivitajiet bil-għan li jinġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni. Fost dawn hemm il-parteċipazzjoni tagħna fil-Maratona ta’ Malta, attivatijiet għat-tfal fi żmien il-Karnival, l-Għid u l-Milied. Fil-jiem li ġejjien mistenni jittella’ kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Jiġu organizzati ħafna attivitajiet varji biex nattiraw nies b’gosti differenti.
Apparti minn hekk, isiru attivitajiet għall-klijenti f’dawn iċ-ċentri?
Kemm hija ħaġa sabiħa li persuni b’diżabilità jkollhom l-opportunità li jieħdu pjaċir u jkunu involuti f’dak kollu li jkun qed jiġri. Ftit tax-xhur ilu pereżempju, inġabru l-klijenti kollha għall-kunċert tal-Milied. Kulħadd ingħaqad biex ittelat attività relatata maż-żminijiet tal-festi. F’dawn l-okkażjonijiet tara d-dedikazzjoni tal-impjegati tagħna li jagħmlu minn kollox biex il-klijenti jgħixu ħajja aħjar. Għandna wkoll is-social club li regolarment jorganizza attivatijiet soċjali għal nies adolexxenti u adulti b’diżabilta, biex jiltaqgħu u jiddevertu flimkien.
Tagħmlu użu mill-midja soċjali biex tilħqu iżjed nies?
Għal organizzazzjoni bħall-Inspire, il-midja soċjali hija xi ħaġa imprezzabbli. L-Inspire ma tistax tħallas għal reklami fil-gazzetti u t-televiżjoni u għalhekk tirrikorri għall-media soċjali li s’issa għadu mezz rħis biex tirreklama fuqu.
B’hekk noħorgu l-messaġġ tagħna fis-soċjetà bl-inqas spejjeż possibbli u fl-istess waqt ikunu effettivi.
Id-donazzjonijiet jgħinu l-aktar fil-bżonnijiet tat-terapiji u biex jinxtara l-apparat meħtieġ…x’taħseb li huwa r-rispons tal-pubbliku Malti dwar dan?
Il-Maltin huma ġenerużi ħafna u għal kull sejħa għall-għajnuna li nagħmlu jirrispondu b’mod immedjat. Bħall-Fondazzjoni tagħna hemm organizzazzjonijet oħrajn li qed jagħmlu ġid kbir. Id-domanda fuq fomm kulħadd tibqa’ waħda… Kemm jiflaħ jagħti l-poplu Malti? Fl-aħħar mill-aħħar id-donazzjonijiet għalina huma importanti. Fl-aħħar tas-sena qatt ma nkopru l-ispejjeż kollha, u dik hija l-uġigħ ta’ ras għalina lkoll. X’tagħmel? Twaqqaf servizz? Din hija l-aħħar deċijoni li nixtiequ nieħdu, speċjalment meta nafu kemm hemm nies b’diżabilita li għadhom mhumiex jieħdu s-servizzi tagħna.
Fl-aħħar nett, nixtieqek tgħaddi messaġġ lill-qarrejja. X’taħseb li hemm bżonn isir iżjed biex il-fondazzjoni tibqa’ miexja ‘l quddiem?
Aħna nixtiequ li niġu f’qagħda fejn dak li teħtieġ persuna b’diżabilità, jingħatalha bi dritt u ma nibqgħux niddependu biss mill-karità. Nemmnu li bniedem b’diżabilità għandu jkollu dinjità u jkun inkluż iktar fis-soċjetà. Bħalissa l-Fondazzjoni qed tiddependi fuq id-donazzjonijiet li jagħti l-pubbliku.
Nixtiequ nkunu f’pożizzjoni li nagħtu iżjed servizzi lil nies li bħalissa mhux qed nilħqu. Apparti minn hekk, nixtiequ nkunu f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar biex qatt ma jkollna bżonn inwaqqfu xi servizzi jew programm li diġà qed noffru. Xogħolna huwa li nedukaw lill-pubbliku dwar l-importanza tal-inklużjoni u li nsibu l-aħjar mezz kif naħdmu b’mod effiċjenti filwaqt li nilħqu iżjed nies.
Fl-aħħar nett nixtieq nirringrazja lil dawk kollha li huma b’xi mod jew ieħor involuti fis-settur tad-diżabilita’ u l-volontarjat, kemm il-ġenituri u l-klijenti u b’mod speċjali lill-impjegati li huma ddedikati għall-aħħar.