fbpx

Kliem ta’ tama

 

Tul is-snin ir-riċerka wriet, li l-livell ta’ appoġġ li persuna tkun imdawra bih, huwa indikatur qawwi ta’ riżultati pożittivi. Letteratura aktar fil-fond, madankollu, pprovdiet evidenza li l-ammont ta’ appoġġ, jista’ jkun inqas importanti, mill-perċezzjoni li l-persuna għandha ta’ dak l-appoġġ (Shin, 2002; White & Hastings 2004). Jiġifieri, li min jirċievi l-appoġġ, jeħtieġ li jara dak l-appoġġ ta’ għajnuna, jew inkella hemm ir-riskju li wieħed ma jkunx qed jgħin ħafna. Dan jispjega għaliex fl-Inspire, inqisu lill-ġenituri bħala parti mit-tim tagħna, mhux biss meta niddiskutu lil uliedhom, iżda wkoll fir-rigward tal-appoġġ tagħhom stess. 

L-esperjenzi tal-ħajja mhux biss jaffettwaw lill-individwu li qed jgħix dik l-esperjenza, iżda wkoll is-sistema ta’ madwar dik il-persuna. L-aktar sintomi komuni huma stress fiżiku, iżolament u sens ta’ nuqqas ta’ tama. Dawn jiġu mlissna bħala stejjer kondiviżi mill-individwu, sabiex jagħti tifsira lil dik l-esperjenza tal-ħajja Labov u Waletzky (1967/1997). 

Ejja nsejħu dawn l-istejjer imlissna, il-vuċi narrattiva tal-bniedem, li hija riżorsa sinifikanti għall-fejqan tal-bniedem. Clandinin u Connelly (2000) jispjegaw kif in-narrattivi jiġbdu dimensjonijiet personali tul medda ta’ żmien, u għalhekk l-istejjer tagħna jinbidlu kull darba li nirrakuntawhom. B’hekk nagħmlu spazju għal kull tagħlim ġdid u esperjenzi ġodda. 

Aspett kruċjali tan-narrattivi tagħna huwa li jeħtieġ li jagħmlu sens għalina u għall-oħrajn, jeħtieġ li jkollhom kontinwità u jkunu kapaċi jbassru, anke jekk mhux b’mod ċert, ċertezza dwar il-futur. Id-diffikultà meta jkun hemm diżabilità hija li l-futur ġie ferut u f’dawn iċ-ċirkostanzi, li toħloq spazju  għal konversazzjoni li tħaddan kemm it-tama kif ukoll in-nuqqas ta’ tama, tgħin lil  dik il-familja tfieq u tappoġġja l-iżvilupp ta’ wliedhom. Għalhekk fl-Inspire nipprovdu lill-familji tagħna s-serħan tal-moħħ li hemm nies u professjonisti li lesti jisimgħu u jkunu magħhom b’mod li jgħinhom jikbru. 

Riċerka minn Snyder, Cheavans & Cheavans (1999) tispjega li; “Individwi li għandhom tama, joperaw aħjar fis-soluzzjoni tal-problemi, fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ sfida u anke jimmaniġjaw aħjar meta jgħixu esperjenzi ta’ mard u d-diżabilità” 

…madankollu, t-tama ma teżistix f’iżolament, titwieled minn esperjenzi qawwija li wieħed għex. Hija minsuġa fl-istorja tal-familja tagħhom u dik tal-komunità usa’, u hija influwenzata mill-kuntest soċjali u ċ-ċirkustanzjali. 

It-tama tgħix fir-relazzjonijiet u r-rwol tal-bniedem fil-familja tiegħu/tagħha, tiddetermina l-pożizzjoni tiegħu/tagħha lejn it-tama u d-dispersjoni: 

  • Hawn nies iħaddnu t-tama. 
  • Oħrajn iġorru in-nuqqas ta’ tama. 
  • Xi wħud jieħdu azzjonijiet li jġibu t-tama aktar milli jħossu, jaħsbu dwar jew jitkellmu dwar it-tama. 
  • Oħrajn isostnu li għandhom tama pero l-azzjonijiet tagħhom ma tkunx xhieda ta’ tama. 

B’kontradizzjoni ma’ dak li jaħsbu n-nies, it-tama u d-dispersjoni mhumiex forzi opposti, iżda jeżistu flimkien. Kif jispjega b’mod sabiħ Carmel Flaskas (2007); ‘It-tama hija n-naħa l-oħra tad-disprament. Li nkunu eqreb lejn naħa waħda, ifakkarna fil-bżonn tal-oħra’. 

Għalhekk, meta niftħu konversazzjonijiet ta’ fejqan ma’ familji mġarrba, meta naraw it-tama u d-dispersjoni tagħhom, nagħmlu dan b’mod li jrawwem it-tama minngħajr ma niġġudikaw in-nuqqas ta’ tama li wkoll ikunu qed iħossu (Flaskas 2007). L-għan tagħna mhuwiex li nsewwu d-disprament, iżda li nħaddnu ż-żewġ realtajjiet li fl-aħħar mil-aħħar huma emozzjonijiet umani li jeżistu flimkien. 

 

Charlene Borg M. Sys. Psy. 

Maniġer għar-Relazzjoni mal-familji