‘L-Opportunitajiet Tiegħi, l-Għażliet Tiegħi’ – Drittijiet Sħaħ u Ugwali u r-Rwol tal-Familji
F’dikjarazzjoni konġunta fl-okkażjoni ta’ Jum l-Għarfien dwar id-Down Syndrome (Down Syndrome Awareness Day), il-Fondazzjoni Inspire flimkien ma’ Down Syndrome International qalu li persuni bid-Down Syndrome, fuq bażi ugwali ma’ persuni oħra, għandhom ikunu jistgħu jgawdu drittijiet sħaħ u ugwali, kemm bħala tfal u kemm bħala adulti, b’ “opportunitajiet” u “għażliet”.
Fil-21 ta’ Marzu 2015, l-10 Anniversarju tal-Jum Internazzjonali tad-Down Syndrome u l-21 anniversarju tas-“Sena Internazzjonali tal-Familja”, Down Syndrome International u l-Fondazzjoni Inspire ser jiffokaw fuq ir-rwol tal-familji u l-kontribut pożittiv li dawn jistgħu jkollhom sabiex il-persuni li jbatu minn Down Syndrome jkunu jistgħu jgawdu drittijiet sħaħ u ugwali.
Persuni bid-Down syndrome jaffaċċjaw diversi sfidi bħala tfal u adulti, li jistgħu jinkludu:
- li jiġu abbandunati, ikunu suġġetti għal abbuż u maqtugħin mill-komunitajiet tagħhom;
- li jiġu diskriminati u jiġu trattati b’mod mhux ugwali fis-sistemi edukattivi;
- li jiġu diskriminati u jingħataw djanjożi ħażina mis-sistema tas-saħħa;
- li jingħataw opportunitajiet limitati li jgħixu b’mod indipendenti, jaħdmu u jkunu inklużi bis-sħiħ fil-komunità;
- nuqqas ta’ kontroll fuq id-dritt li jiżżewġu u li jkollhom relazzjonijiet u familja;
- opportunitajiet limitati li jivvutaw, li jipparteċipaw fil-promozzjoni pubblika ta’ interessi jew li jiġu eletti f’xi uffiċċju pubbliku.
Dawn l-isfidi jipprevjenu lil diversi persuni bid-Down Syndrome milli jgawdu d-drittijiet umani bażiċi tagħhom. Dawk li huma direttament jew indirettament responsabbli għal dan jistgħu jkunu familji, professjonisti tal-edukazzjoni, tas-saħħa u soċjali, l-awtoritajiet jew il-pubbliku ġenerali, u r-raġuni ewlenija għal dan huwa li wieħed jonqos milli jifhem li persuni bid-Down Syndrome huma l-ewwel nett persuni, li jistgħu jinħtieġu appoġġ addizzjonali, iżda li għandhom jiġu rikonoxxuti mis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, mingħajr diskriminazzjoni minħabba d-diżabilità tagħhom.
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet (UNCRPD) tikkonferma li “persuni b’diżabilitajiet u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jirċievu l-protezzjoni u l-assistenza meħtieġa biex il-familji jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet.”
Sabiex il-persuni li għandhom Down Syndrome igawdu drittijiet sħaħ u ugwali, il-familji tagħhom, li għandhom interess qawwi fil-benesseri tagħhom, għandhom ikunu infurmati u jkollhom is-setgħa li jippromwovu status ugwali għall-membri tal-familja tagħhom fis-soċjetà, sabiex huma jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ, jaħdmu favur opportunitajiet u għażliet fl-aspetti kollha tal-ħajja u b’mod kruċjali sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-setgħa lill-persuni bid-Down Syndrome biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b’mod liberu rigward il-kwistjonijiet kollha li jaffetwawhom u biex ikunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom, kif ukoll jirsistu biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom stess.
Is-soċjetà tista’ tassisti lill-familji biex jappoġġjaw lil uliedhom bid-Down Syndrome sabiex dawn ikunu protetti minn ħsara, biex jinstema’ leħinhom, biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u biex jiġu inklużi bis-sħiħ fil-komunitajiet tagħhom, b’opportunitajiet li jipparteċipaw, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn.
Adulti li għandhom id-Down Syndrome, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, għandu jkollhom għażliet, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet u jkollhom kontroll fil-ħajja tagħhom. Is-soċjetà tista’ tgħin lill-familji biex jiżguraw li l-persuni bid-Down Syndrome ikollhom aċċess għal appoġġ li jistgħu jinħtieġu fl-eżerċizzju tal-kapaċità legali tegħhom, biex tagħtihom is-setgħa li jgħixu ħajja indipendenti u jkunu aċċettati u inklużi bħala membri ta’ valur, ugwali u li jipparteċipaw fil-komunitajiet tagħhom.
PACES & LME huma programmi speċjalizzati li toffri l-Fondazzjoni Inspire. Dawn jindirizzaw il-bżonnijiet individwali fl-oqsma kollha tal-iżvilupp ta’ tfal u adoloxxenti bid-Down Syndrome. Huma ċċentrati madwar il-klijenti kollha, il-familja immedjata tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom. Għal aktar informazzjoni ċempel fuq 2098100/114 jew żur www.inspire.org.mt.