L-Awtiżmu u l-Impatt fuq it-Tqassim tal-Klassi

It-2 ta’ April 2016 huwa t-tminn Jum Dinji annwali tal-Għarfien dwar l-Awtiżmu. Kull sena, organizzazzjonijiet tal-awtiżmu, persuni li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità, ġenituri u persuni bl-awtiżmu madwar id-dinja kollha jiċċelebraw ix-xahar ta’ April b’attivitajiet uniċi għal ġbir ta’ fondi u li jżidu l-kuxjenza fis-soċjetà.

Il-Fondazzjoni Inspire temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Aħna naħdmu ma’ mijiet ta’ tfal u adulti b’diversi diżabilitajiet, inkluż l-Awtiżmu, biex ngħinuhom jiksbu dan.

Doreen 2Dan l-artiklu għandu l-għan li jqajjem il-kuxjenza dwar l-awtiżmu u jeduka lill-pubbliku dwar din il-kundizzjoni u l-impatt tat-tqassim tal-klassi fuq it-tfal minn Doreen Mercieca MEd Autism (Birm.) – ASD Advisor / Expert Panel – Fondazzjoni Inspire

 Id-dinja madwar tifel (jew tifla) bl-awtiżmu tista’ tkun sors ta’ stress u jkun diffiċli biex dawn jifhmuha, għaldaqstant l-ambjent huwa punt ċentrali fit-trattament tal-awtiżmu. Dawn it-tfal ikunu aktar komdi meta l-ambjent ta’ madwarhom ikun wieħed prevedibbli, ippjanat sew u strutturat, u għalhekk huma jkunu jistgħu jifhmu aktar dak li hu mistenni minnhom u kif għandhom iġibu ruħhom f’kull sitwazzjoni.

Matul is-snin, ġew żviluppati diversi strateġiji u trattamenti fir-rigward tal-awtiżmu, u ħafna minnhom kisbu prominenza internazzjonali. Ir-riċerka tappoġġja l-importanza tal-ambjent, u ħafna drabi saret referenza għal dan bħala ‘apparat prostetiku’. Dan jista’ jitqabbel mal-użu ta’ apparat prostetiku bħal nuċċali jew siġġu tar-roti, fejn l-individwu jikseb aktar awtonomija u jkun jista’ jiffunzjona daqs li kieku l-isfidi ewlenin tad-diżabilità tiegħu ma jeżistux. L-ambjent, bħala apparat prostetiku ma jbiddilx id-diżabilità, iżda jibdilha billi jagħti aktar awtonomija u setgħa lill-persuna. Strateġiji li jiffukaw fuq l-impatt tal-ambjent jibdew mill-kunċett li aktar milli nibdlu lill-persuna biex din tadatta għall-ambjent, l-attenzjoni għandha tkun biex nibdlu l-ambjent skont il-ħtiġijiet tal-persuna bl-awtiżmu. Filwaqt li mhux realistiku li nibdlu kull aspett tal-ambjent, id-dinja tista’ tkun post aktar aċċessibbli għall-persuni li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu jekk nagħrfu u nifhmu l-impatt li jista’ jkollu fuqhom l-ambjent.

Minbarra li jkollhom għarfien u jifhmu s-sinjali tal-awtiżmu, l-iskejjel iridu jirrikonoxxu l-importanza li għandha tingħata għall-organizzazzjoni tal-ambjent. It-tqassim fiżiku tal-klassi għandu funzjoni importanti biex jgħin lil tfal bl-awtiżmu jifhmu dak li hu mistenni minnhom, u biex iżid l-awtonomija tagħhom. Minħabba l-fatt li hu magħruf li l-individwi bl-awtiżmu jipproċessaw informazzjoni b’dak li jaraw u josservaw madwarhom, l-istruttura fiżika tal-ambjent tagħhom fil-fatt tista’ tgħin lit-tfal jesperjenzaw anqas stress u anzjetà. L-organizzazzjoni strateġika tal-għamara sabiex tiddefinixxi żoni speċifiċi u l-attività marbuta ma’ dik iż-żona huwa mezz kif tingħata informazzjoni viżiva li tippermetti lit-tfal jifhmu dak li hu mistenni minnhom f’dik iż-żona partikolari.

Wieħed mill-oqsma li jqajmu l-aktar tħassib fil-persuni bl-awtiżmu hu l-abilità tagħhom li jipproċessaw informazzjoni sensorja. Kapaċitajiet sensorji fil-modalità viżiva huma kumplessi u jistgħu jkunu affetwati mill-karatteristiċi tal-ispazju, it-tqassim u l-kuluri li jintużaw għall-għamara u għat-tiżjin tal-kamra. Eżempji jinkludu, imma mhumiex limitati għal, żebgħa tal-ħitan b’kuluri ċari u li ma jeċitawx lit-tfal, purtieri mingħajr disinn u b’kuluri ċari aktar milli b’xi disinn qawwi. Wieħed għandu jqis dawn id-dettalji sabiex jinħoloq u jkun massimizzat effett ta’ kalma fiż-żoni li jintużaw mit-tfal bl-awtiżmu, u dan huwa marbut ma’ evidenza bbażata fuq il-prattika. Proġett bħal dan tnieda f’Sunfield School fir-Renju Unit, u dan ta evidenza kif l-għażla ta’ kuluri tista’ taffetwa l-burdata tat-tfal jew billi tipproduċi effett ta’ kalma jew billi żżid l-anzjetà.

It-tfal bl-awtiżmu għandhom it-tendenza jiffukaw fuq dettalji insinifikanti fl-ambjent, aktar milli jiffukaw fuq l-informazzjoni rilevanti, u dan juri l-importanza li l-istimoli li għalihom mhumiex importanti jiġu organizzati u mnaqqsa. Input sensorju żejjed bħal stimulazzjoni viżiva jitnaqqas f’ambjent organizzat, u b’hekk it-tfal ikunu jistgħu jiffukaw fuq l-informazzjoni rilevanti ppreżentata matul l-attivitajiet, u ma jkunux imxekkla minn stimoli viżivi li mhumiex neċessarji.

Meta tkun qed tiġi mħejjija żona ta’ ħidma għal persuni bl-awtiżmu, għandha ssir valutazzjoni tal-ispazju allokat fir-rigward tad-dawl naturali, sabiex ikun żgurat li d-dawl qawwi jkun minimizzat għaliex dan jista’ jxekkel ħafna lill-persuni bl-awtiżmu. Barra minn dan, jirriżulta wkoll li ċerta imġieba sterjotipika kienet partikolarment affetwata mill-intensità u l-qawwa tad-dawl. Minbarra li tingħata attenzjoni għall-intensità tad-dawl naturali, huwa importanti wkoll li jitqies l-effett tad-dawl artifiċjali. Individwi bl-awtiżmu jistgħu jesperjenzaw overload sensorju minħabba t-teptip (flicker) li jipproduċi d-dawl fluworexxenti li jkun qawwi ħafna, u dan jista’ jaffetwa l-viżjoni tagħhom u jikkawża distorsjoni. It-teptip b’veloċità mgħaġġla (high speed flicker) li jipproduċi d-dawl fluworexxenti jista’ tassew ixekkel lil individwi bl-awtiżmu. Temple Grandin, persuna magħrufa li taħdem fil-qasam tal-awtiżmu, tqabbel din is-sensazzjoni ma’ ‘…xi ħadd wieqaf f’nofs diskoteka, u tkompli tgħid li jkun kważi impossibbli għaliha li tikkonċentra f’ambjent bħal dan.

Autism Awareness MonthIl-problema ta’ storbju hija kwistjoni ta’ stress sensorju ieħor potenzjali li għandha tingħata attenzjoni, sabiex jinħoloq l-aqwa ambjent possibbli. Ġiet ippreżentata evidenza dwar id-diffikultà li tfal bl-awtiżmu jaffaċjaw fl-abilità li jipproċessaw id-diskors mill-istorbju. Aċċessorji bħal purtieri jgħinu biex inaqqsu l-ħruxija ta’ bibien u twieqi tal-ħġieġ, u b’hekk inaqqsu l-eku u l-volum tal-ħoss f’dik iż-żona.

Spiss nisma’ kummenti minn persuni li jinsistu li individwi bl-awtiżmu għandhom jitgħallmu kif jgħixu fid-dinja kif inhi realment, jiġifieri mingħajr modifiki / adattamenti għall-ambjent. Din l-opinjoni fil-fatt hija diskriminatorja kieku kellha tiġi applikata għal persuna b’diżabilità fiżika, li qatt mhi se tkun mistennija tadatta għal dinja inaċċessibbli. Bl-istess raġunament, individwi bl-awtiżmu m’għandhomx ikunu mistennija li jakkomodaw ruħhom għal overload sensorju li d-disinn tal-ambjent jista’ jimponi fuqhom. Il-persuni bl-awtiżmu jiddiskrivu overload sensorju bħala waqfien totali (shutdown) li jista’ jitqabbel ma’ dak li jiġri lil kompjuter meta jikkrexxja minħabba eċċess ta’ informazzjoni. Ir-riċerka pprovdiet evidenza ċara f’dan ir-rigward, u diversi individwi bl-awtiżmu ppreżentaw l-opinjoni tagħhom billi tkellmu dwar esperjenzi minn ħajjithom li jirriflettu r-riżultati u l-konklużjonijiet tar-riċerka.

Mis-snin kollha ta’ esperjenza tiegħi, jien naqbel li hemm effett pożittiv fuq studenti bl-awtiżmu meta l-ambjent ikun imfassal bi ħsieb. F’sitwazzjonijiet strutturati u li ma jeċitawx, it-tfal jibqgħu kalmi u jistgħu jifhmu dak li hu mistenni minnhom, u b’hekk il-potenzjal tagħhom biex jitgħallmu huwa massimizzat hekk kif il-livelli ta’ stress jitnaqqsu. Għalkemm bosta skejjel tipiċi u standardizzati mhumiex imfassla biex jaqdu l-bżonnijiet speiċfiċi ta’ tfal bl-awtiżmu, student xorta waħda jista’ jibbenefika minn bidliet żgħar fl-ambjent li jista’ jkollhom impatt importanti fuq l-abilità tiegħu li jadatta. Il-ħolqien ta’ żona kalma mingħajr stimoli f’ambjent standard jista’ jkun post sikur għal student bl-awtiżmu, fejn hu jkun jista’ jmur meta jħossu anzjuż jew iffrustrat, jew bażikament ikollu bżonn ta’ ftit ħin fil-kwiet. Numru ta’ skejjel standard lokali fil-fatt bdew jimplimentaw bidliet żgħar li kellhom impatt qawwi fuq l-istudenti tagħhom li għandhom l-awtiżmu. Dawn jinkludu l-identifikazzjoni ta’ żona kwieta fil-klassi li t-tifel / tifla jkunu jistgħu jaċċessaw jekk ikunu jinħtieġu brejk qasir, fejn l-għamara tkun irranġata b’tali mod li tinħoloq żona kalma għax-xogħol fejn tiżdied l-abilità tat-tifel / tifla biex jikkonċentraw, u titħejja resource room fejn huma jkunu jistgħu jiġu akkompanjati biex jagħmlu xogħol individwali f’post kalm u kwiet.

?????????????????????????????????????????????????????????????????????????????????????Għalkemm huwa inkoraġġanti li tara li ċerta skejjel lokali qed jimplimentaw bidliet fit-tqassim u l-organizzazzjoni tal-klassi tagħhom għal tfal bl-awtiżmu, rajt xi tfal li kienu tassew anzjużi u problematiċi fi klassijiet fejn ma ngħatat l-ebda attenzjoni għall-impatt negattiv li l-ambjent fil-fatt ikun qed ikollu fuq it-tfal. Huwa ġust li ma tingħatax attenzjoni għall-adattamenti ambjentali meħtieġa għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, meta wieħed iqis li l-modifiki għall-aċċessibilità li jsiru għal diżabilitajiet fiżiċi huma appoġġjati mil-liġi?

Jekk ma jittieħdux passi biex jiġu provduti klassijiet imqassma kif meħtieġ, tfal bl-awtiżmu ser jibqgħu jaffaċċjaw l-isfida li jiffunzjonaw f’ambjenti edukattivi. Il-kwistjonijiet imqajma dwar l-isfidi sensorji li jaffaċċjaw dawn it-tfal huma tassew reali wkoll. L-impatt li jista’ jsir permezz ta’ modifiki żgħar għall-ambjent huwa kritiku għaliex dan jaffetwa l-aġir, il-ħidma u l-benesseri tat-tfal tagħna bl-awtiżmu b’mod pożittiv, u għalhekk għandu rwol importanti fl-iżvilupp tagħhom u, b’mod aktar importanti, fuq il-kuntentizza tagħhom.